Tuesday, 30 October 2012
Nirien ta' Mħabba
Kemm hi ħelwa l-għamara ta’ mħabbtek
O Ġesù, x’ġenna żgħira f’din l-art
Hawn il-bjuda u s-safa tal-ġilju
Hawn il-fwieħa tas-sagħtar u l-ward.
Le ma rridx noħlom iżjed bil-frugħa
Li tidħakli fil-għana, fil-ġid;
Inti biss tkun il-kewkba ta’ ħsiebi
Int il-ħakem ta’ qalbi u s-Sid.
Rit. Għax il-bewsa ta’ fommok ħanina
Fiha togħma ta’ ħobż is-smewwiet
Fit-tgħanniqa ta’ qalbi ma’ qalbek
Ruħi togħxa fil-mewġ tal-ħlewwiet.
Dik il-kelma li tgħidli fis-siegħa
Li ninxteħet sogħbien hawn f’riġlejk
Dik ix-xrara li tikbes ġo sidri
Meta naħseb fil-kisra t’għajnejk.
Ifissruli l-ħuġġieġa ta’ mħabba
Li wasslitek biex tmut fuq salib
U nħoss xewqa li nrossok fi ħdani
U mmut mgħannaq mal-għeżeż Ħabib. Rit.
Priġunier f’dik id-dwejra ċkejkna
Qatt ma tegħja tistenna lill-ħbieb
U fiż-żjara ta’ qlub għalenija
Tiftaħ beraħ ta’ darek il-bieb.
O Ġesù ibqa’ dejjem kellimni
Hekk, bil-ħlewwa sa kemm żmieni jtul
Ħalli nħobbok, inħobbok, inħobbok
fil-misteri tal-għeneb u ż-żbul. Rit.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment