Friday 23 March 2012

Sbuħitek hi l-hena ta' qalbi

Int Alla tiegħi,
Int ir-raġġi tax-xemx
li jinfdu d-dalma tal-lejl
hekk kif jibda jbexbex.

Int in-nida
li xxarrab il-wiċċ tal-fjur u l-ħdura
u tqajmu min-nagħsa ħelwa tiegħu
għal jum ġdid, ħajja ġdida.

Int is-sema blu
Int is-sħab jittajjar
donnu jiem li jiġu u jgħaddu
biex jagħmlu wisa' għal jiem oħra f'ħajti.

Int l-għana tal-għasafar
li jisraqli 'l qalbi
u jisboq fis-sbuħija
kull storbju tal-bniedem.

Int iċ-ċafċifa u r-riħa tal-baħar
Int l-ikħal infinit
li għad-dehra tiegħu
qalbi tinqasam bil-ferħ.

Int il-gawwi li jittajjar
fuq wiċċ l-ibħra
ħieles bla ma xejn ifixklu
li jfakkarni li jien maħluqa biex intir.

Int il-kwiekeb
li jteptpu u jiksu s-sema sewdieni
biex jaqtgħu d-dalma
u jfarrġu l-qalb imnikkta.

Int l-imħabba li hemm f'qalbi,
is-sbuħija vera tiegħi.
Int il-ħlewwa ta' dak il-bniedem
li jiftillu, mingħajr mistenni, jħobbni.

Int il-ħbiberija
id-daħk u ċ-ċajt,
il-qlub sinċiera li jħabbtu flimkien,
il-ferħ li m'aħniex waħedna.

Int il-verità li l-ewwel tbikki,
imbagħad teħles
li tagħti lill-bniedem
ġwienaħ bis-saħħa tal-ajkla.

Int Alla Missier
li miegħek tħaddani,
Int Iben li qatt ma titlaqni.
Int Spirtu li timla' l-ħolqien
bis-sbuħija ta' Alla.

Int is-Sbuħija
li taħkem lil qalbi
minn kif inqum
sa ma fis-skiet nistrieħ.

Int timla jiemi
b'ferħ li f'qalbi
jisplodi bħal orkestra,
jarmi l-ifjen fwejjaħ.

Jien narak kullimkien.
Jien ngħix fik
u sbuħitek hi l-hena ta' qalbi.

28.4.2010

No comments:

Post a Comment